Il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali għal Kulħadd

IL-QAFAS TAL-KURRIKULU NAZZJONALI HUWA:

  • referenza għall-azzjoni bbażata fuq kunsens ġenerali u l-kontribut tal-partijiet interessati flimkien ma’ dawk li huma impenjati bl-implementazzjoni tiegħu.
  • qafas ħaj, b’tali mod li jippermetti li jsiru bidliet minħabba żviluppi ġodda tul l-implimentazzjoni tiegħu.
  • strument ta’ politika kif ukoll ta’ informazzjoni fuq l-istrateġija għall-implimentazzjoni, l-azzjonijiet u l-livelli meħtieġa, il-benchmarks għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tiegħu.
  • rispons għall-bidliet kontinwi, fil-ħtiġijiet tal-individwi u s-soċjetà, bidliet mgħaġġla fis-sistema edukattiva tagħna, minħabba fatturi bħall-globalizzazzjoni, żviluppi fl-informatika, kompetizzjoni, bidliet fil-valuri tradizzjonali u mudelli oħra ta’ tagħlim.

Il-Proċess Konsultattiv fl-Abbozz tal-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali

Kif wieħed jistenna, ir-reviżjoni strutturata u l-preżentazzjoni tal-proċess imsemmi f’qasam kruċjali fil-politika soċjali bħalma hu l-kurrikulu nazzjonali tat lok għal ħafna diskussjoni u dibattiti.

Reviżjoni tal-analisi tar-rispons formali li għadda għand id-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni fi ħdan l-istess Ministeru turi kif il-partijiet interessati differenti taw ir-reazzjonijiet tagħhom għal dan l-abbozz dwar il-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali.