IL-MISSJONI TAGĦNA

Id-Dipartiment għall-Kurrikulu, it-Tagħlim Tul il-Ħajja u l-Impjegabbiltà fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport huwa ddedikat sabiex joħloq kurrikulu li hu sod, inklussiv, u dinamiku sabiex ikun jista’ jappoġġja lil min qed jitgħallem tul il-ħajja, mit-tfulija sal-età adulta. Aħna nenfasizzaw l-importanza ta’ bażi soda mill-ewwel snin tal-ħajja, inrawmu l-kreattività, il-ħsieb kritiku, u l-imħabba lejn it-tagħlim li jkompli tul ħajjitna. Il-mod kif inħarsu lejn it-tfassil tal-kurrikulu huwa ċċentrat fuq l-iżvilupp t’esperjenzi ta’ tagħlim li huma flessibbli, rilevanti, u jħarsu lejn il-futur b’tali mod li jaddattaw għall-bżonnijiet ta’ soċjetà li kontinwament qed tevolvi. Għalhekk, niżguraw li l-edukazzjoni tibqa’ vjaġġ kontinwu, li ssaħħaħ lill-individwu sabiex jimxi ’l quddiem akkademikament, soċjalment u personalment billi nippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja.